Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A32007R0708&…) tal-11 ta’ Ġunju 2007 dwar l-użu ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura jipprovdi qafas biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent akkwatiku mir-riskji assoċjati mat-trobbija ta’ speċijiet bħal dawn. Dan jirregola l-movimenti tagħhom fl-UE, filwaqt li jkopri l-ispeċijiet akkwatiċi u t-tipi ta’ produzzjoni kollha, u hemm regoli speċjali għal faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura, kif ukoll eżenzjoni għall-ispeċijiet elenkati fl-Anness IV.
L-operaturi tal-akkwakultura jridu japplikaw għal permess għall-introduzzjoni ta’ speċi aljena jew għat-trażlokazzjoni ta’ speċi li ma tinstabx lokalment minn korp amministrattiv rilevanti fl-Istat Membru tal-UE (“awtorità kompetenti”). L-applikant għandu jissottometti dossier skont il-linji gwida indikattivi speċifikati fl-Anness I. Kumitat konsultattiv se jivvaluta jekk l-applikazzjoni fihiex l-informazzjoni kollha meħtieġa u jistabbilixxi l-ammissibbiltà tagħha u r-riskji potenzjali. Il-Kumitat imbagħad jgħaddi l-opinjoni tiegħu lill-awtorità kompetenti, li tiddeċiedi jekk toħroġx jew tiċħadx il-permess skont il-proċedura stabbilita.